Id-Dikjarazzjoni ta’ Helsinki dwar aktar ċarezza, appoġġ u impenn
Downloadable documents
Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fundamentali għall-innovazzjoni u l-kompetittività
Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data adotta d-dikjarazzjoni li ġejja:
F’laqgħa ta’ livell għoli ta’ jumejn f’Helsinki (l-1-2 ta’ Lulju 2025), il-membri tal-EDPB qablu dwar inizjattivi ġodda biex jiffaċilitaw konformità aktar faċli mal-GDPR, itejbu d-djalogu ma’ firxa’ wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, isaħħu l-konsistenza u jiżviluppaw kooperazzjoni transregolatorja fix-xenarju regolatorju diġitali l-ġdid.
Dawn l-inizjattivi jiffaċilitaw, b’mod partikolari, lill-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u medji; jippermettu l-innovazzjoni responsabbli; u jsaħħu l-kompetittività fl-Ewropa.
Il-membri tal-EDPB enfasizzaw ir-rwol essenzjali tal-protezzjoni tad-data fid-difiża tal-valuri Ewropej u tad-drittijiet fundamentali tal-individwi, u fl-appoġġ tal-użu ċċentrat fuq il-bniedem tad-data personali.
Fl-isforzi kollha tiegħu, l-EDPB se jsaħħaħ id-djalogu tiegħu mal-partijiet ikkonċernati, iżomm impenn proattiv u bikri biex jidentifika oqsma speċifiċi fejn jeħtieġ aktar appoġġ u kjarifika, u jipprovdi l-opportunità għall-partijiet ikkonċernati biex jindikaw inkonsistenzi possibbli u jagħtu feedback. L-EDPB se jirrapporta b’mod pubbliku dwar l-eżiti ewlenin tal-konsultazzjonijiet pubbliċi.
L-EDPB jinnota l-importanza li tiġi pprovduta wkoll gwida f’waqtha u konċiża li tkun aċċessibbli, faċli biex tinftiehem, u prattika għall-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta’ daqs medju f’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju. B’dan il-ħsieb, l-EDPB qabel li jaġġorna l-metodi ta’ ħidma tiegħu u li jiżviluppa formati komplementari għall-gwida.
Għodod ġodda li jgħinu biex l-applikazzjoni tal-GDPR issir aktar faċli se jinkludu:
- sensiela ta’ mudelli lesti għall-użu għall-organizzazzjonijiet, li jibnu fuq il-ħidma li diġà saret fil-livell nazzjonali u jarmonizzawha;
- mudell komuni għan-notifiki ta’ ksur tad-data għall-Awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Data (DPAs), bil-ħsieb li jiġu ssimplifikati n-notifiki ta’ ksur tad-data u jittaffa l-piż tal-organizzazzjonijiet, b’appoġġ għal soluzzjoni ta’ notifika Ewropea transregolatorja possibbli;
- riżorsi diretti u faċilment applikabbli, inklużi listi ta’ kontroll, struzzjonijiet prattiċi (how-tos) u FAQs, biex jgħinu lill-organizzazzjonijiet jifhmu l-obbligi ewlenin tagħhom.
L-EDPB se jtejjeb il-konsistenza tal-applikazzjoni u l-infurzar tal-GDPR mid-DPAs, inklużi:
- il-ġbir ta’ pożizzjonijiet mid-DPAs dwar kwistjonijiet ta’ prijorità meħuda fi gwida u f’deċiżjonijiet nazzjonali, kif ukoll sentenzi tal-qorti, biex jiġu prodotti pubblikazzjonijiet bi stil ta’ “każistika” li jgħinu lill-organizzazzjonijiet jifhmu l-pożizzjonijiet konkreti meħuda mid-DPAs;
- segwitu regolari tal-linji gwida biex jiġu żgurati l-effettività u l-applikazzjoni konsistenti tagħhom inkluż, fejn xieraq, permezz ta’ rieżamijiet tal-linji gwida u azzjonijiet u strateġiji ta’ infurzar koordinati mmirati;
- sforzi kontinwi biex tiġi allinjata l-gwida nazzjonali u tal-EDPB fejn jiġu identifikati inkonsistenzi;
- armonizzazzjoni akbar tal-infurzar billi jiġu żviluppati prattiki, metodoloġiji, għodod u azzjonijiet komuni, anke meta l-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz ma jkunx applikabbli;
- meta jinqalgħu temi transfruntiera strateġiċi, id-DPAs se jipprijoritizzaw it-tħejjija tal-pożizzjonijiet tal-UE biex jiżguraw il-konsistenza mid-disinn.
L-EDPB se jkompli jinvolvi ruħu b’mod proattiv ma’ regolaturi oħra biex jappoġġa x-xenarju transregolatorju l-ġdid, filwaqt li jintegra dan fi ħdan il-prijoritajiet u l-proċeduri tiegħu, waqt li jżomm salvagwardji koerenti u konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali. Dan l-impenn se jinkludi:
- it-tħejjija ta’ aktar linji gwida konġunti flimkien ma’ regolaturi oħra, kif xieraq, biex tiġi żgurata l-konsistenza fl-applikazzjoni ta’ oqfsa legali differenti;
- it-trawwim ta’ kooperazzjoni strutturata ma’ regolaturi oħra biex jiġu kondiviżi l-esperjenzi u jiġu indirizzati l-isfidi legali u prattiċi għall-kooperazzjoni transregolatorja dwar każijiet konkreti;
- l-istedina proattiva ta’ regolaturi oħra għal-laqgħat rilevanti tal-EDPB.
Fl-aħħar nett, l-EDPB ifakkar fil-progress sinifikanti miksub fil-kooperazzjoni fl-infurzar tul l-aħħar tliet snin, mill-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Vjenna dwar il-Kooperazzjoni fl-Infurzar fit-28 ta’ April 2022, kif ukoll fis-sinerġiji dejjem akbar fost id-DPAs. B’dan il-pedament sod, l-EDPB jinsab f’pożizzjoni tajba biex jindirizza b’mod effettiv l-isfidi emerġenti.