
Brussell, is-16 ta’ Marzu - L-EDPB u l-EDPS adottaw opinjoni konġunta dwar il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu estiżi r-Regolamenti attwali dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE (EU Digital COVID Certificate, EUDCC) bi 12-il xahar u biex jiġu emendati ċerti dispożizzjonijiet, pereżempju t-twessigħ tat-tipi ta’ testijiet tal-COVID aċċettati fil-kuntest tal-ivvjaġġar fl-UE u li jiġi ċċarat li ċ-ċertifikati tat-tilqim jenħtieġ li jkun fihom l-għadd ta’ dożi amministrati lid-detentur, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu ġew amministrati.
L-EDPB u l-EDPS jieħdu nota li l-proposta ma tbiddilx b’mod sostanzjali d-dispożizzjonijiet eżistenti tar-Regolamenti fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. F’konformità mal-opinjoni konġunta preċedenti dwar ir-Regolamenti inizjali dwar iċ-Ċertifikat COVID, l-EDPB u l-EDPS ifakkru li l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data ma tikkostitwixxix ostaklu għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19. Minħabba l-imprevedibbiltà tal-estensjoni possibbli tal-pandemija, l-EDPB u l-EDPS jifhmu l-ħtieġa li tiġi estiża l-applikabbiltà tar-Regolament EUDCC.
Madankollu, peress li din il-proposta għandha l-għan li testendi t-tul ta’ żmien ta’ miżura għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, l-evidenza xjentifika rilevanti u l-miżuri addizzjonali fis-seħħ, jenħtieġ li jiġu vvalutati regolarment biex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipji ġenerali tal-effettività, in-neċessità u l-proporzjonalità.
L-EDPB u l-EDPS jiddispjaċihom li ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-Regolament EUDCC jipprevedi dmir għall-Kummissjoni tal-UE li tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-impatt tar-Regolament fuq il-faċilitazzjoni tal-moviment liberu, id-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni. L-EDPB &EDPS iqisu bis-sħiħ li jenħtieġ li l-Kummissjoni tehmeż dan ir-rapport mal-proposta attwali.
Il-President tal-EDPB, Andrea Jelinek qalet: “Dawn il-proposti huma ta’ importanza partikolari minħabba l-impatt kbir tagħhom fuq il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi. Kwalunkwe restrizzjoni għall-moviment liberu tal-persuni fl-UE biex jiġi limitat it-tixrid tal-COVID-19, inkluż ir-rekwiżit li jiġu ppreżentati ċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE, jenħtieġ li titneħħa hekk kif is-sitwazzjoni epidemjoloġika tippermetti.”
Il-Kontrollur tal-EDPS, Wojciech Wiewiórowski qal: “Jenħtieġ li nevalwaw kontinwament liema miżuri jibqgħu effettivi, meħtieġa u proporzjonali fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data jiġu applikati u integrati kontinwament, filwaqt li titqies kif xieraq l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika u l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali.”
Il-modifika ta’ ċerti oqsma tad-data, bħall-kjarifika li ċ-ċertifikati tat-tilqim għandu jkun fihom l-għadd ta’ dożi amministrati lid-detentur jew il-proposta li l-parteċipanti fil-provi kliniċi għall-iżvilupp tal-vaċċini kontra l-COVID-19 isiru eliġibbli għal ċertifikat tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, tidher li hija limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ u ma tqajjimx tħassib partikolari minn perspettiva tal-protezzjoni tad-data. Madankollu, l-EDPB u l-EDPS ifakkru fil-pożizzjoni preċedenti tagħhom li kwalunkwe modifika tal-oqsma tad-data tista’ teħtieġ evalwazzjoni mill-ġdid tar-riskji għad-drittijiet fundamentali u li biss kampijiet tad-data aktar dettaljati li jaqgħu taħt il-kategoriji ta’ data kif diġà ddefiniti li għandhom jiżdiedu permezz tal-adozzjoni ta’ atti delegati. L-EDPB u l-EDPS se jkomplu jagħtu attenzjoni speċjali lill-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 u, b’mod partikolari, lill-użu ta’ data personali wara t-tmiem tal-pandemija.