In-nuqqas ta’ riżorsi jpoġġi f’riskju l-infurzar tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data tal-individwi

13 September 2022

“Ninsabu ferm imħassba li l-baġit għall-2023, jekk ma jiżdiedx b’mod sostanzjali, se jkun tassew żgħir wisq biex l-EDPB u l-EDPS iwettqu l-kompiti tagħhom kif suppost,” kitbu Andrea Jelinek, il-President tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB), u Wojciech Wiewiórowski, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS), f’Ittra Miftuħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Il-baġit tal-EDPB jifforma parti mill-baġit aktar estensiv tal-EDPS. Il-baġit jiġi propost mill-Kummissjoni Ewropea u approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 314 TFUE). Matul it-tħejjija tal-baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2023, l-EDPS għamel żewġ proposti baġitarji konsekuttivi lill-Kummissjoni Ewropea fejn talab żieda fil-persunal u fir-riżorsi finanzjarji, sabiex l-EDPB u l-EDPS ikunu jistgħu jimmaniġġjaw il-kompiti, dejjem aktar mifruxa, tagħhom u l-ammont ta’ xogħol li qed jiżdied. Iż-żieda mitluba, taħt il-limitu massimu tal-pjan finanzjarju ta’ seba’ snin tal-UE, ġiet miċħuda mill-Kummissjoni Ewropea.

Fi kliem Andrea Jelinek: L-EDPB għandu rwol essenzjali fl-implimentazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR). Hemm aspettattivi għoljin rigward is-suċċess tal-GDPR f’dak li huwa trażżin tal-abbużi fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, speċjalment minn kumpaniji kbar tat-teknoloġija. Madankollu, is-Segretarjat tal-EDPB bħalissa m’għandux biżżejjed persunal u qed jissogra li ma jkunx jista’ jwettaq aktar id-doveri legali tiegħu fil-qadi tal-EDPB u tal-GDPR. Jekk dan iseħħ, l-infurzar tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data tal-individwi jiddgħajjef u l-kredibbiltà tal-GDPR tiġi mminata.”

Is-Segretarjat tal-EDPB jappoġġa lill-Membri tal-Bord billi jipprovdi sostenn analitiku, amministrattiv u loġistiku. Huwa, b’mod partikolari, responsabbli għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data (APD) fl-ambitu tal-mekkaniżmu tal-One-Stop-Shop. Il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim jikkonċerna abbozzi ta’ deċiżjonijiet imħejjija mill-Awtorità Ewlenija għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-prattiki tas-settur privat u jista’ jwassal għal multi li jammontaw għal mijiet ta’ miljuni ta’ euro.

Fi kliem Wojciech Wiewiórowski: “Il-pubbliku jistenna li l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data jżommu l-wegħda tal-GDPR. Madankollu, dan jiddependi wkoll mill-kapaċità tagħna li niżguraw kooperazzjoni effettiva u li mmexxu ’l quddiem każijiet robusti, sostnuti minn analiżi ġuridika tal-iprem kwalità. Ir-riżorsi skarsi li għandna bħalissa joħolqu ostaklu serju — għad-detriment taċ-ċittadini tal-UE. It-tħassib tagħna ttenna mis-soċjetà ċivili, l-isfera akkademika u dawk li jfasslu l-politika li kienu miġbura fil-Konferenza tal-EDPS dwar Il-Futur tal-Protezzjoni tad-Data, li għalija huwa sinjal ta’ rikonoxximent fir-rigward tal-importanza ta’ finanzjament adegwat għall-EDPB u l-EDPS”.

Il-Parlament Ewropew se jivvota dwar il-Baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023 matul it-tieni sessjoni plenarja ta’ Ottubru. F’każ li l-Kunsill ma jaċċettax l-emendi kollha tal-Parlament, tissejjaħ laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni biex jintlaħaq qbil dwar test konġunt fi żmien 21 jum.

The news published here does not constitute official EDPB communication, nor an EDPB endorsement. This news item was originally published by the national supervisory authority and was published here at the request of the SA for information purposes. Any questions regarding this news item should be directed to the supervisory authority concerned.