L-EDPB jadotta l-ewwel opinjoni dwar il-kriterji taċ-ċertifikazzjoni

2 February 2022

Brussell, it-2 ta’ Frar - L-EDPB adotta l-opinjoni tiegħu dwar l-iskema ta’ ċertifikazzjoni GDPR-CARPA sottomessa lill-Bord mill-Awtorità Superviżorja Lussemburgiża. Din hija l-ewwel darba li l-EDPB qed jadotta opinjoni dwar il-konsistenza tal-kriterji għal skema ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali. L-iskema ta’ ċertifikazzjoni GDPR-CARPA hija skema ġenerali, li ma tiffokax fuq settur jew tip speċifiku ta’ pproċessar. Tinkludi rekwiżiti dwar il-governanza tal-protezzjoni tad-data fl-organizzazzjoni madwar l-attivitajiet tal-ipproċessar.

Il-President tal-EDPB, Andrea Jelinek qalet: “Din l-opinjoni hija pass importanti lejn aktar konformità mal-GDPR. L-għan ewlieni tal-mekkaniżmi taċ-ċertifikazzjoni huwa li jgħinu lill-kontrolluri u lill-proċessuri juru l-konformità mal-GDPR. Il-kontrolluri u l-proċessuri li jaderixxu ma’ mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni jiksbu wkoll viżibbiltà u kredibbiltà akbar, peress li dan jippermetti lil dak li jkun jivvaluta malajr il-livell ta’ protezzjoni tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar.”

L-opinjoni tal-EDPB għandha l-għan li tiżgura l-konsistenza u l-applikazzjoni korretta tal-kriterji taċ-ċertifikazzjoni mill-Awtoritajiet Superviżorji fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Għal dan il-għan, l-EDPB iqis li jeħtieġ li jsiru għadd ta’ bidliet fl-abbozz tal-kriterji taċ-ċertifikazzjoni.

Wara l-approvazzjoni mill-Awtorità Superviżorja, il-mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni se jiżdied ukoll mar-reġistru tal-mekkaniżmi taċ-ċertifikazzjoni u tas-siġilli tal-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 42(8) tal-GDPR.

 

Nota lill-edituri:

Din iċ-ċertifikazzjoni mhijiex ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 46(2)(f) tal-GDPR maħsuba għal trasferimenti internazzjonali ta’ data personali u għalhekk ma tipprovdix salvagwardji xierqa fil-qafas tat-trasferimenti ta’ data personali lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali.

Id-dokumenti kollha adottati waqt is-Sessjoni Plenarja tal-EDPB huma soġġetti għall-verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar neċessarji u jkunu disponibbli fis-sit tal-EDPB ladarba dawn il-verifiki jkunu lesti.

 

EDPB_Stqarrija għall-Istampa 2022_02