Brussell, l-10 ta’ Novembru - Matul il-41 sessjoni plenarja tiegħu, l-EDPB adotta b’maġġoranza ta’ 2/3 tal-membri tiegħu l-ewwel deċiżjoni tiegħu dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim abbażi tal-Artikolu 65 tal-GDPR. Id-deċiżjoni vinkolanti tfittex li tindirizza t-tilwim li qam b’segwitu ta’ abbozz ta’ deċiżjoni li ġie ppubblikat mill-awtorità superviżorja Irlandiża bħala l-awtorità superviżorja ewlenija (LSA) rigward Twitter International Company u l-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati sussegwenti (RROs) espressi minn għadd ta’ awtoritajiet superviżorji kkonċernati (CSAs).
L-awtorità superviżorja Irlandiża ħarġet l-abbozz ta’ deċiżjoni b'segwitu ta’ inkjesta u investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja fi Twitter International Company, wara li l-kumpanija nnotifikat l-awtorità superviżorja Irlandiża bi ksur fid-data personali fit-8 ta’ Jannar 2019. F’Mejju 2020, l-awtorità superviżorja Irlandiża kkondividiet l-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati f’konformità mal-Artikolu 60 (3) tal-GDPR. L-awtoritajiet superviżorji kkonċernati mbagħad kellhom erba’ ġimgħat biex jissottomettu l-RROs tagħhom. Forst oħrajn, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati ħarġu RROs dwar il-ksur tal-GDPR identifikati mill-awtorità superviżorja ewlenija, ir-rwol ta’ Twitter International Company bħala l-(uniku) kontrollur tad-data, u l-kwantifikazzjoni tal-multa proposta.
Peress li l-awtorità superviżorja ewlenija ma aċċettatx l-oġġezzjonijiet u/jew ikkunsidrat li ma kinux “rilevanti u motivati”, hija rreferiet il-kwistjoni lill-EDPB f’konformità mal-Artikolu 60 (4) tal-GDPR, u b’hekk tat bidu għall-proċedura għas-soluzzjoni ta’ tilwim.
B’segwitu tas-sottomissjoni mill-awtorità superviżorja ewlenija,fit-8 ta’ Settembru 2020 ġiet ivvalutata l-kompletezza tal-fajl fit-tnedija formali tal-proċedura tal-Artikolu 65. F’konformità mal-Artikolu 65 (3) tal-GDPR u flimkien mal-Artikolu 11.4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-EDPB, l-iskeda ta’ żmien prestabbilita għall-adozzjoni ta’ xahar ġiet estiża b’xahar ieħor minħabba l-kumplessità tas-suġġett.
Fid-9 ta’ Novembru 2020, l-EDPB adotta d-deċiżjoni vinkolanti tiegħu u se jinnotifikaha dalwaqt b’mod formali lill-awtorità superviżorja Irlandiża.
L-awtorità superviżorja Irlandiża jenħtieġ li tadotta d-deċiżjoni finali tagħha abbażi tad-deċiżjoni tal-EDPB, li se tiġi indirizzata lill-kontrollur, mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahar wara li l-EDPB ikun innotifika d-deċiżjoni tiegħu. L-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jinnotifikaw lilll-EDPB bid-data meta d-deċiżjoni finali ġiet innotifikata lill-kontrollur. Wara din in-notifika, l-EDPB se jippubblika d-deċiżjoni tiegħu fuq is-sit web tiegħu.
Note to editors:
Please note that all documents adopted during the EDPB Plenary are subject to the necessary legal, linguistic and formatting checks and will be made available on the EDPB website once these have been completed.
EDPB_Press Release_2020_17