Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data — Ir-Raba’ Sessjoni Plenarja: L-abbozz tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza UE-Ġappun, ir-Regolament dwar il-Provi Kliniċi u l-kamp ta' applikazzjoni territorjali.

19 November 2018

Brussell, id-19 ta’ Novembru — Fis-16 ta’ Novembru, l-Awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Data, imlaqqgħin fil-kuntest tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, iltaqgħu għar-raba’ sessjoni plenarja tagħhom. Matul il-plenarja ġiet diskussa firxa wiesgħa ta’ suġġetti.
 
L-abbozz tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza bejn l-UE u l-Ġappun  
Il-membri tal-bord iddiskutew fiex inhi l-ħidma tal-BEPD (EDPB) fuq l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza bejn l-UE u l-Ġappun, li l-bord irċieva mingħand il-Kummissarju Věra Jourová f’Settembru 2018. Il bord tenna l-importanza li tiġi garantita l-kontinwità u l-livell għoli tal-protezzjoni għat-trasferiment ta’ data mill-UE.

ILl-BEPD se jagħti gwida dwar MuT dwar il-provi kliniċi, dwar l-interazzjoni bejn il-GDPR u r-Regolament dwar il-Provi Kliniċi
Wara konsultazzjoni mingħand il-Kummissjoni Ewropea, il-bord qabel dwar l-attribuzzjoni ta’ mandat għall-għoti ta’ gwida fuq MuT, żviluppata mill-Kummissjoni, dwar l-interazzjoni bejn il-GDPR u r Regolament dwar il-Provi Kliniċi.
 
Il-linji gwida dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali
Fil-plenarja ta’ Settembru, il-BEPD addotta abbozz ġdid ta’ linji gwida li se jikkontribwixxu biex tingħata interpretazzjoni komuni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-GDPR u se jiċċaraw aktar l-applikazzjoni tal-GDPR f’diversi sitwazzjonijiet, partikolarment fejn il-kontrollur jew il-proċessur tad-data jkun stabbilit barra mill-UE, inkluż dwar il-ħatra ta’ rappreżentant. Minħabba li l-verifiki legali finali ta’ qabel il-pubblikazzjoni wrew li xi elementi kienu jeħtieġu aktar diskussjoni, il-BEPD iddeċieda li jiddiskuti l-linji gwida għal darb’oħra fil-plenarja ta’ Novembru. Il-kwistjonijiet issa ġew indirizzati kollha u l-linji gwida dalwaqt se jiġu ppubblikati għall-konsultazzjoni pubblika.