L-EDPB jadotta “lista ta’ xewqat” ta’ aspetti proċedurali, l-ewwel siġill tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u dikjarazzjoni dwar l-euro diġitali

12 October 2022

Brussell, it-12 ta’ Ottubru - L-EDPB adotta lista ta’ aspetti fil-liġi proċedurali nazzjonali li jixtieq jara armonizzat fil-livell tal-UE biex jiffaċilita l-infurzar tal-GDPR. Din il- “lista ta’ xewqat” hija waħda mill-azzjonijiet ewlenin stabbiliti fid-dikjarazzjoni ta’ Vjenna tal-EDPB dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar. Il-lista ntbagħtet lill-Kummissjoni Ewropea għall-konsiderazzjoni tagħha.

Il-President tal-EDPB Andrea Jelinek qalet: “L-EDPB ħa passi importanti biex jippromwovi kooperazzjoni effettiva fid-dawl ta’ infurzar b’saħħtu u rapidu tal-GDPR.  Identifikajna xi ostakli lil hinn mill-mandat tagħna li jistgħu jeħtieġu inizjattiva leġiżlattiva. It-taħlita attwali ta’ proċeduri u prattiki nazzjonali għandha impatt detrimentali fuq il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data.”

Il-lista tindirizza, fost l-oħrajn, l-istatus u d-drittijiet tal-partijiet għall-proċeduri amministrattivi; skadenzi proċedurali; rekwiżiti għall-ammissibbiltà jew għaċ-ċaħda tal-ilmenti; setgħat investigattivi tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data; u l-implimentazzjoni prattika tal-proċedura ta’ kooperazzjoni.

Imbagħad, l-EDPB adotta Opinjoni dwar l-approvazzjoni mill-Bord tal-kriterji taċ-ċertifikazzjoni tal-Europrivacy ippreżentati mill-awtorità Lussemburgiża għall-protezzjoni tad-data (DPA). Din l-Opinjoni tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-ewwel Siġill Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data mill-EDPB skont l-Artikolu 42(5) tal-GDPR.

Il-mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni tal-Europrivacy huwa skema ġenerali li timmira lejn firxa kbira ta’ operazzjonijiet differenti ta’ pproċessar imwettqa kemm mill-kontrolluri kif ukoll mill-proċessuri minn diversi setturi. L-iskema tinkludi kriterji speċifiċi li jagħmluha skalabbli u applikabbli għal operazzjonijiet ta’ pproċessar jew setturi ta’ attività speċifiċi.

Din l-approvazzjoni hija pass ieħor lejn konformità akbar tal-GDPR. Iċ-ċertifikazzjoni taħt is-Siġill tal-Protezzjoni tad-Data għandha validità fl-Istati Membri kollha tal-UE. Dan jippermetti lil kontrolluri u proċessuri differenti f’pajjiżi differenti jiksbu l-istess livell ta’ konformità għal operazzjonijiet ta’ pproċessar simili.

Fl-aħħar nett, l-EDPB adotta dikjarazzjoni dwar l-euro diġitali. Fid-dikjarazzjoni tiegħu, l-EDPB itenni l-importanza li jiġu żgurati l-privatezza u l-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku f’dan il-proġett.

L-EDPB iwissi kontra l-użu ta’ validazzjoni u traċċar sistematiċi tat-tranżazzjonijiet kollha f’euro diġitali. F’dan ir-rigward, l-EDPB jirrakkomanda li l-euro diġitali jkun disponibbli kemm online kif ukoll offline, fuq livell limitu li taħtu ma jkun possibbli l-ebda traċċar, biex jippermetti l-anonimità sħiħa tat-tranżazzjonijiet ta’ kuljum. Fl-aħħar nett, l-EDPB jistieden lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea jsaħħu d-dibattitu pubbliku dwar il-proġett tal-euro diġitali biex jiġi żgurat li jissodisfa l-ogħla standards ta’ privatezza u protezzjoni tad-data.

The news published here does not constitute official EDPB communication, nor an EDPB endorsement. This news item was originally published by the national supervisory authority and was published here at the request of the SA for information purposes. Any questions regarding this news item should be directed to the supervisory authority concerned.