L-EDPB u l-EDPS jitolbu projbizzjoni fuq l-użu tal-IA għal rikonoxximent awtomatizzat ta’ karatteristiċi umani fi spazji aċċessibbli għall-pubbliku, u xi użi oħra tal-IA li jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni inġusta

21 June 2021

Brussell, 21 ta’ Ġunju - L-EDPB u l-EDPS adottaw opinjoni konġunta dwar il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (IA).

L-EDPB u l-EDPS jilqgħu bil-qawwa l-għan li jiġi indirizzat l-użu tas-sistemi tal-IA fi ħdan l-Unjoni Ewropea, inkluż l-użu tas-sistemi tal-IA minn istituzzjonijiet, korpi jew aġenziji tal-UE. Fl-istess ħin, l-EDPB u l-EDPS huma mħassba dwar l-esklużjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar tal-liġi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proposta.

L-EDPB u l-EDPS jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jiġi ċċarat b’mod espliċitu li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (il-GDPR, l-EUDPR u l-LED) tapplika għal kwalunkwe proċessar ta’ data personali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-abbozz tar-Regolament dwar l-IA.

Filwaqt li l-EDPB u l-EDPS jilqgħu l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju li fuqu hija msejsa l-Proposta, huma jikkunsidraw li l-kunċett ta’ “riskju għad-drittijiet fundamentali” għandu jkun allinjat mal-qafas tal-UE għall-protezzjoni tad-data. L-EDPB u l-EDPS jirrakkomandaw li r-riskji tas-soċjetà għal gruppi ta’ individwi għandhom ukoll jiġu vvalutati u mitigati. Barra minn hekk, huma jaqblu mal-Proposta li l-klassifikazzjoni ta’ sistema tal-IA bħala ta’ riskju għoli mhux neċessarjament tfisser li hija legali fiha nfisha u li tista’ tintuża mill-utent bħala tali. L-EDPB u l-EDPS jikkunsidraw ukoll li l-konformità mal-obbligi legali li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni - inkluż dwar il-protezzjoni tad-data personali - għandha tkun prekondizzjoni għad-dħul fis-suq Ewropew bħala prodott bil-markatura CE.

B’kont meħud tar-riskji estremament għoljin maħluqa mill-identifikazzjoni bijometrika mill-bogħod ta’ individwi fi spazji aċċessibbli għall-pubbliku, l-EDPB u l-EDPS jitolbu projbizzjoni ġenerali fuq kwalunkwe użu tal-IA għal rikonoxximent awtomatizzat ta’ karatteristiċi umani fi spazji aċċessibbli għall-pubbliku, bħar-rikonoxximent tal-uċuħ, tal-mixja, tal-marki tas-swaba’, tad-DNA, tal-vuċi, tal-ittastjar u ta’ sinjali bijometriċi jew ta’ mġiba oħra, fi kwalunkwe kuntest. Bl-istess mod, l-EDPB u l-EDPS jirrakkomandaw projbizzjoni fuq sistemi tal-IA li jużaw il-bijometrika biex jikkategorizzaw individwi fi gruppi abbażi ta’ etniċità, sess, orjentazzjoni politika jew sesswali, jew raġunijiet oħra li għalihom hija pprojbita d-diskriminazzjoni skont l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Barra minn hekk, l-EDPB u l-EDPS jikkunsidraw li l-użu tal-IA biex tiddeduċi emozzjonijiet ta’ persuna fiżika huwa ferm mhux mixtieq u għandu jkun ipprojbit, ħlief għal każijiet speċifikati ħafna, bħal xi skopijiet ta’ saħħa, fejn ir-rikonoxximent tal-emozzjoni tal-pazjent huwa importanti, u li l-użu tal-IA għal kwalunkwe tip ta’ punteġġ soċjali għandu jkun ipprojbit.

Andrea Jelinek, President tal-EDPB, u Wojciech Wiewiórowski, EDPS, qalu: “L-użu ta’ identifikazzjoni bijometrika mill-bogħod fi spazji aċċessibbli għall-pubbliku jfisser it-tmiem tal-anonimità f’dawk il-postijiet. Applikazzjonijiet bħar-rikonoxximent tal-wiċċ minn filmati diretti jinterferixxu mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tant li jistgħu jqajmu dubji dwar l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet. Dan jeħtieġ applikazzjoni immedjata tal-approċċ ta’ prekawzjoni. Projbizzjoni ġenerali fuq l-użu tar-rikonoxximent tal-wiċċ f’żoni aċċessibbli għall-pubbliku hija l-punt tat-tluq meħtieġ jekk irridu nippreservaw il-libertajiet tagħna u noħolqu qafas legali ċċentrat fuq il-bniedem għall-IA. Ir-regolament propost għandu jipprojbixxi wkoll kwalunkwe tip ta’ użu tal-IA għall-punteġġ soċjali, peress li dan huwa kontra l-valuri fundamentali tal-UE u jista’ jwassal għal diskriminazzjoni.”

L-EDPB u l-EDPS jilqgħu wkoll il-fatt li l-Proposta tinnomina lill-EDPS bħala l-awtorità kompetenti u l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet, tal-aġenziji u tal-korpi tal-Unjoni. Madankollu, ir-rwol u l-kompiti tal-EDPS għandhom jiġu ċċarati aktar, b’mod speċifiku fejn jidħol ir-rwol tiegħu bħala awtorità tas-sorveljanza tas-suq.

L-EDPB u l-EDPS ifakkru li l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data (DPAs) diġà qed jinfurzaw il-GDPR u l-LED fuq sistemi tal-IA li jinvolvu data personali, sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u b’mod aktar speċifiku d-dritt għall-protezzjoni tad-data. Bħala riżultat, in-nomina tad-DPAs bħala l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tiżgura approċċ regolatorju aktar armonizzat, u tikkontribwixxi għall-interpretazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar ta’ data madwar l-UE. Konsegwentement, l-EDPB u l-EDPS jikkunsidraw li, biex tiġi żgurata applikazzjoni bla xkiel ta’ dan ir-regolament il-ġdid, id-DPAs għandhom jiġu nominati bħala awtoritajiet superviżorji nazzjonali skont l-Artikolu 59 tal-Proposta.

Fl-aħħar nett, l-EDPB u l-EDPS jiddubitaw id-deżinjazzjoni ta’ rwol predominanti għall-Kummissjoni Ewropea fil-“Bord Ewropew tal-Intelliġenza Artifiċjali” (EAIB), peress li dan ikun f’kunflitt mal-ħtieġa għal korp Ewropew tal-IA indipendenti minn kwalunkwe influwenza politika. Biex tkun żgurata l-indipendenza tiegħu, il-Proposta għandha tagħti aktar awtonomija lill-EAIB u tiżgura li jkun jista’ jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess.

 

Nota lill-edituri:
Jekk jogħġbok kun af li d-dokumenti kollha adottati matul il-Plenarja tal-EDPB huma soġġetti għal verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar meħtieġa u se jsiru disponibbli fuq is-sit web tal-EDPB ġaladarba dawn ikunu tlestew.

EDPB_Press Release_statement_2021_05