L-EDPB jadotta l-verżjoni finali tar-Rakkomandazzjonijiet dwar miżuri supplimentari, ittra lill-Istituzzjonijiet tal-UE dwar aspetti ta’ privatezza u protezzjoni tad-data ta’ euro diġitali possibbli, u jaħtar tliet membri tal-EDPB għall-Bord ta’ Gwida tal

21 June 2021

Brussell, 21 ta’ Ġunju - Waqt is-sessjoni plenarja tiegħu, l-EDPB adotta verżjoni finali tar-Rakkomandazzjonijiet dwar miżuri supplimentari wara konsultazzjoni pubblika. Ir-Rakkomandazzjonijiet ġew adottati għall-ewwel darba f’Novembru 2020 wara d-deċiżjoni Schrems II tal-QĠUE. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom l-għan li jassistu lill-kontrolluri u lill-proċessuri li jaġixxu bħala esportaturi tad-data bid-dmir tagħhom li jidentifikaw u jimplimentaw miżuri supplimentari xierqa fejn ikunu meħtieġa biex jiżguraw livell essenzjalment ekwivalenti ta’ protezzjoni għad-data li huma jittrasferixxu lil pajjiżi terzi.

Il-verżjoni finali tar-Rakkomandazzjonijiet tinkludi diversi tibdiliet sabiex jindirizzaw il-kummenti u l-feedback li waslu waqt il-konsultazzjoni pubblika u tiffoka b’mod partikolari fuq il-prattiki tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiż terz.

Fost l-emendi ewlenin hemm: l-enfasi fuq l-importanza tal-eżaminazzjoni tal-prattiki tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiż terz fil-valutazzjoni legali tal-esportaturi sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni u/jew il-prattiki ta’ pajjiż terz jaffettwawx - fil-prattika - l-effettività tal-Artikolu 46 tal-għodda tat-trasferiment tal-GDPR, il-possibbiltà li fil-valutazzjoni tiegħu, l-esportatur jikkunsidra l-esperjenza prattika tal-importatur, fost elementi oħrajn u b’ċerti kundizzjonijiet; u l-kjarifika li l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż terz ta’ destinazzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet tagħha jaċċessaw id-data trasferita, anke mingħajr l-intervent tal-importatur, tista’ wkoll taffettwa l-effettività tal-għodda tat-trasferiment.

Rigward il-klawżoli kuntrattwali standard ġodda li ġew ippubblikati riċentament għat-trasferimenti internazzjonali mill-Kummissjoni Ewropea, ir-Rakkomandazzjonijiet huma ta’ għajnuna għall-verifika tal-“Liġijiet u prattiki lokali li jaffettwaw il-konformità mal-Klawżoli” (Klawżola 14 tal-SCC il-ġodda) u l-ħtieġa possibbli sabiex jiġu implimentati miżuri supplimentari.

Il-President tal-EDPB, Andrea Jelinek, qalet: “L-impatt ta’ Schrems II ma’ jistax ikun sottovalutat: il-flussi ta’ data internazzjonali huma diġà soġġetti għal skrutinju aktar mill-qrib mill-awtoritajiet superviżorji li qegħdin imexxu l-investigazzjonijiet fil-livelli rispettivi tagħhom. L-għan tar-Rakkomandazzjonijiet tal-EDPB huwa li jiggwida lill-esportaturi sabiex jittrasferixxu d-data personali lejn pajjiżi terzi b’mod legali filwaqt li jiggarantixxi li d-data trasferita tingħata livell ta’ protezzjoni essenzjalment ekwivalenti għal dak garantit fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Permezz tal-kjarifika ta’ ċerti dubji espressi mill-partijiet ikkonċernati, u b’mod partikolari l-importanza tal-eżeminazzjoni tal-prattiki tal-awtoritajiet pubbliċi f’pajjiżi terzi, aħna rridu nagħmluha aktar faċli għall-esportaturi tad-data sabiex ikunu jafu kif jivvalutaw it-trasferimenti tagħhom lejn pajjiżi terzi u sabiex jidentifikaw u jimplimentaw miżuri supplimentari effettivi fejn dawn ikunu meħtieġa. L-EDPB se tkompli tikkunsidra l-effetti tad-deċiżjoni Schrems II u l-kummenti li waslu mill-partijiet ikkonċernati fil-gwida futura tiegħu.”

It-test sħiħ tar-Rakkomandazzjonijiet huwa disponibbli hawnhekk: https://edpb.europa.eu/our-work-tools/our-documents/recommendations/recommendations-012020-measures-supplement-transfer_en

L-EDPB adotta ittra indirizzata lill-Istituzzjonijiet tal-UE dwar l-aspetti ta’ privatezza u protezzjoni tad-data ta’ euro diġitali possibbli. Fl-ittra, l-EDPB jenfasizza li standard għoli ħafna ta’ privatezza u protezzjoni tad-data huwa kruċjali għat-tisħiħ tal-fiduċja tal-utenti aħħarin u jenħtieġ li jiġi kkunsidrat bħala element distint fl-offerta ta’ euro diġitali, li jirrappreżenta fattur ewlieni ta’ suċċess. Tħassib bħal dan jenħtieġ li jiġi kkunsidrat mill-istadju tad-disinn. Barra minn hekk, l-EDPB jirrakkomanda li l-korp tal-UE inkarigat mid-disinn tal-proġett iwettaq valutazzjoni tal-impatt ta’ livell għoli tal-protezzjoni tad-data. L-EDPB jindika wkoll li huwa lest li jipprovdi pariri lill-BĊE jew lil istituzzjonijiet oħrajn tal-UE.

Finalment, l-EDPB ħatar tliet rappreżentanti fuq il-Bord ta’ Gwida dwar id-Drittijiet Fundamentali tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), li huwa inkarigat li jevalwa l-impatt tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u se jkollu rwol importanti sabiex jiżgura l-konformità tas-sistema mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali. Il-Bord se jkun magħmul minn rappreżentanti mill-FRONTEX, mill-EDPS, mill-EDPB u mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA).

Waqt il-plenarja, l-EDPB adotta wkoll opinjoni konġunta bejn l-EDPB u l-EDPS dwar l-abbozz ta’ Regolament tal-IA. Se tiġi ppubblikata stqarrija għall-istampa separata dwar dan is-suġġett aktar tard illum.

 

Nota lill-edituri:
Id-dokumenti kollha adottati matul il-Plenarja tal-EDPB huma soġġetti għall-verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar meħtieġa u se jsiru disponibbli fuq is-sit web tal-EDPB ladarba jkunu tlestew.

EDPB_Press Release_2021_05