Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data - L-40 Sessjoni plenarja: Linji Gwida dwar il-Protezzjoni tad-Data mid-Disinn u b’Mod Awtomatiku, Qafas ta’ Infurzar Koordinat, Ittra rigward id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur

21 October 2020

Brussell, 21 ta’ Ottubru — Fl-20 ta’ Ottubru, l-EDPB iltaqa’ għall-40 sessjoni plenarja tiegħu. Matul il-plenarja ġiet diskussa firxa wiesgħa ta’ suġġetti.

Wara konsultazzjoni pubblika, l-EDPB adotta verżjoni finali tal-Linji Gwida dwar il-Protezzjoni tad-Data mid-Disinn u b’Mod Awtomatiku. Il-linji gwida jiffukaw fuq l-obbligu tal-Protezzjoni tad-Data mid-Disinn u b’Mod Awtomatiku (DPbDD) kif stabbilit fl-Artikolu 25 tal-GDPR. L-obbligu ewlieni stabbilit fl-Artikolu 25 huwa l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku. Dan ifisser li l-kontrolluri għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa u s-salvagwardji meħtieġa, imfassla biex jaċċertaw il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data fil-prattika u biex jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data. Barra minn hekk, il-kontrolluri għandhom ikunu kapaċi juru li l-miżuri implimentati huma effettivi.

Il-Linji Gwida jinkludu wkoll gwida dwar kif għandhom jiġu implimentati b’mod effettiv il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data fl-Artikolu 5 tal-GDPR, fejn jelenkaw elementi ewlenin mid-disinn u b’mod awtomatiku, kif ukoll każijiet prattiċi għall-illustrazzjoni. Dawn jipprovdu ulterjorment rakkomandazzjonijiet dwar kif il-kontrolluri, il-proċessuri u l-produtturi jistgħu jikkooperaw biex jiksbu DPbDD.

Il-linji gwida finali jintegraw formulazzjoni aġġornata u raġunament legali ulterjuri sabiex jindirizzaw il-kummenti u l-feedback riċevuti matul il-konsultazzjoni pubblika.

L-EDPB iddeċieda li jistabbilixxi Qafas ta’ Infurzar Koordinat (CEF). Is-CEF jipprovdi struttura għall-koordinazzjoni ta’ attivitajiet annwali rikorrenti mill-Awtoritajiet Superviżorji (SAs) tal-EDPB. L-objettiv tas-CEF huwa li jiffaċilita azzjonijiet konġunti b’mod flessibbli u koordinat, li jvarjaw minn sensibilizzazzjni konġunta u ġbir ta’ informazzjoni sa azzjonijiet ta’ infurzar u investigazzjonijiet konġunti. L-għan ta’ azzjonijiet annwali kkoordinati rikorrenti huwa li jippromwovu l-konformità, li jagħtu s-setgħa lis-suġġetti tad-data biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u s-sensibilizzazzjoni.

L-EDPB adotta ittra bi tweġiba għall-Europäische Akademie für Informationsfreiheit und Datenschutz dwar l-implikazzjonijiet tal-protezzjoni tad-data tal-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur, b’mod partikolari fir-rigward tal-filtri tat-tlugħ (‘upload filters’). Fl-ittra, l-EDPB jiddikjara li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għall-fini ta’ filtri tat-tlugħ għandu jkun proporzjonat u meħtieġ u li, sa fejn ikun possibbli, l-ebda data personali ma għandha tiġi pproċessata meta jiġi implimentat l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur. Meta l-ipproċessar ta’ data personali jkun meħtieġ, bħal pereżempju għall-mekkaniżmu ta’ rimedju, tali data jenħtieġ li tikkonċerna biss id-data meħtieġa għal dan l-għan speċifiku, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji l-oħra kollha tal-GDPR. L-EDPB enfasizza wkoll li huwa fi skambju kontinwu mal-Kummissjoni Ewropea dwar dan is-suġġett u li indika d-disponibbiltà tiegħu għal kollaborazzjoni ulterjuri.

Nota lill-edituri:
Jekk jogħġbok kun af li d-dokumenti kollha adottati matul il-Plenarja tal-EDPB huma soġġetti għal verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar meħtieġa u se jsiru disponibbli fuq is-sit web tal-EDPB ladarba jkunu tlestew.

EDPB_Press Release_2020_16