Klawżoli kuntrattwali standard u arranġamenti amministrattivi
L-EDPB joħroġ opinjonijiet ta’ konsistenza dwar diversi tipi ta’ klawżoli kuntrattwali standard u arranġamenti amministrattivi, li jissodisfaw funzjonijiet differenti.
Klawżoli kuntrattwali standard għal ftehimiet bejn il-kontrollur u l-proċessur jistgħu jiġu adottati mill-Awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Data b’segwitu ta’ opinjoni tal-EDPB (l-Artikolu 28(8) tal-GDPR).
Il-klawżoli kuntrattwali standard jistgħu jipprovdu wkoll salvagwardji xierqa għat-trasferimenti ta’ data personali lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Dawn il-klawżoli jistgħu jiġu adottati mill-Awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Data b'segwitu ta’ opinjoni tal-EDPB u approvati mill-Kummissjoni Ewropea (l-Artikolu 46(2)(d) tal-GDPR).
Salvagwardji xierqa għat-trasferimenti ta’ data personali jistgħu jiġu previsti wkoll minn klawżoli jew dispożizzjonijiet kuntrattwali ad hoc li għandhom jiddaħħlu f’arranġamenti amministrattivi bejn l-awtoritajiet jew il-korpi pubbliċi (l-Artikolu 46(3)(a) u (b) tal-GDPR).
Dan ir-reġistru jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-klawżoli kuntrattwali standard u d-deċiżjonijiet adottati mill-Awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Data.