L-EDPB jadotta Linji Gwida dwar l-interazzjoni bejn l-Artikolu 3 u l-Kapitolu V tal-GDPR, Dikjarazzjoni dwar l-Istrateġija Diġitali u tad-Data u l-ħatra tar-rappreżentanti tal-EDPB għar-Rieżami Konġunt tat-TFTP

19 November 2021

Brussell, id-19 ta’ Novembru - Matul is-sessjoni plenarja tiegħu, l-EDPB adotta Linji Gwida dwar l-interazzjoni bejn l-Artikolu 3 u l-Kapitolu V tal-GDPR. Billi tiġi ċċarata l-interazzjoni bejn il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-GDPR (Art. 3) u d-dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti internazzjonali fil-Kapitolu V, il-Linji Gwida għandhom l-għan li jassistu lill-kontrolluri u lill-proċessuri fl-UE fl-identifikazzjoni ta’ jekk operazzjoni ta’ pproċessar tikkostitwixxix trasferiment internazzjonali, u li jipprovdu fehim komuni tal-kunċett ta’ trasferimenti nternazzjonali.

Il-Linji Gwida jispeċifikaw tliet kriterji kumulattivi li jikkwalifikaw ipproċessar bħala trasferiment: (1) l-esportatur tad-data (kontrollur jew proċessur) huwa soġġett għall-GDPR għall-ipproċessar partikolari; (2) l-esportatur tad-data jittrażmetti jew jagħmel disponibbli d-data personali lill-importatur tad-data (kontrollur ieħor, kontrollur konġunt jew proċessur); (3) l-importatur tad-data jkun f’pajjiż terz jew ikun organiżżazzjoni nternazzjonali.

L-ipproċessar se jitqies bħala trasferiment, irrispettivament minn jekk l-importatur stabbilit f’pajjiż terz huwiex diġà soġġett għall-GDPR skont l-Artikolu 3 tal-GDPR. Madankollu, l-EDPB iqis li l-ġbir tad-data direttament mis-suġġetti tad-data fl-UE fuq inizjattiva tagħhom stess ma jikkostitwixxix trasferiment.

Il-President tal-EDPB, Andrea Jelinek, żiedet tgħid: “Dawn il-Linji Gwida jipprovdu nterpretazzjoni konsistenti tal-kunċett ta’ “trasferimenti nternazzjonali” u jiċċaraw li, meta mportatur tad-data jkun soġġett għall-GDPR, l-obbligi skont il-Kapitolu V tal-GDPR japplikaw kemm għat-trasferiment mill-UE lill-importatur kif ukoll għal kwalunkwe trasferiment ieħor li jwettaq l-importatur”.

Il-Linji Gwida se jkunu soġġetti għall-konsultazzjoni pubblika sal-aħħar ta’ Jannar.

L-EDPB adotta Dikjarazzjoni dwar il-Pakkett tas-Servizzi Diġitali u l-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għad-Data. Fid-dikjarazzjoni, l-EDPB jenfasiżża tliet tipi ta’ tħassib ġenerali dwar il-proposti tal-Kummissjoni li ġew ippreżentati s’issa (l-Att dwar il-Governanza tad-Data (DGA), l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) u l-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA) u r-Regolament dwar l-IA (AIR)):

  1. In-nuqqas ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tal-individwi;
  2. Superviżjoni frammentata;
  3. Riskji ta’ inkonsistenzi.

L-EDPB u l-EDPS diġà ħarġu opinjonijiet konġunti dwar id-DGA u l-AIR u l-EDPS ħareġ opinjonijiet dwar l-Istrateġija Ewropea għad-Data, id-DMA u d-DSA. Fid-dikjarazzjoni tiegħu, l-EDPB itenni l-appell tiegħu għall-projbizzjoni fuq kwalunkwe użu ta’ IA għall-rikonoxximent awtomatiżżat tal-karatteristiċi tal-bniedem fi spazji aċċessibbli għall-pubbliku u jħeġġeġ lill-koleġiżlatur biex jikkunsidra tneħħija gradwali li twassal għall-projbizzjoni ta’ reklamar immirat abbażi ta’ traċċar pervażiv filwaqt li t-tfassil ta' profil tat-tfal, b’mod ġenerali għandu jiġi pprojbit.

L-EDPB jenfasiżża wkoll ir-riskji ta’ strutturi ta’ superviżjoni paralleli u jirrakkomanda bil-qawwa li kull proposta tkun tipprovdi bażi ġuridika espliċita għall-kooperazzjoni effettiva u għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji kompetenti skont kull proposta u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data.

Barra minn hekk, l-EDPB jistieden lill-Kummissjoni u lill-koleġiżlatur jiżguraw li l-proposti jiddikjaraw b’mod ċar li ma għandhomx jaffettwaw jew jimminaw l-applikazzjoni tar-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data u jiżguraw li dawn ir-regoli jipprevalu kull meta tkun qed tiġi pproċessata data personali, anke fil-kuntest tal-proposta li jmiss għal Att dwar id-Data.

Fl-aħħar nett, l-EDPB innomina żewġ rappreżentanti mill-Awtorità Superviżorja Belġjana u ta’ Hessen (DE) sabiex jieħdu sehem fis-Sitt Rieżami Konġunt tal-Ftehim rigward il-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP) bejn l-UE u l-Istati Uniti.

EDPB_Press Release_2021_10