L-EDPB jadotta opinjoni dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni dwar l-Adegwatezza tal-Korea t’Isfel

27 September 2021

Brussell, 27 ta’ Settembru - L-EDPB jadotta l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza tal-Kummissjoni Ewropea għar-Repubblika tal-Korea. L-EDPB iffoka fuq aspetti ġenerali tal-GDPR u l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għad-data personali trasferita miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) lejn ir-Repubblika tal-Korea għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u s-sigurtà nazzjonali, inklużi r-rimedji legali disponibbli għall-individwi fiż-ŻEE. L-EDPB ivvaluta wkoll jekk is-salvagwardji stipulati taħt il-qafas legali Korean humiex effettivi.

Il-President tal-EDPB, Andrea Jelinek qalet: “Din id-deċiżjoni ta’ adegwatezza hija ta’ importanza kbira, peress li tkopri trasferimenti kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat. Livell għoli ta’ protezzjoni tad-data huwa essenzjali biex jiġu appoġġati r-rabtiet li ilhom jeżistu mal-Korea t’Isfel u biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi.  Filwaqt li nenfasizzaw li l-aspetti ewlenin tal-qafas Korean għall-protezzjoni tad-data huma essenzjalment ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni Ewropea, nappellaw lill-Kummissjoni biex tkompli tiċċara ċerti aspetti u biex tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni.”

Dwar il-qafas ġenerali għall-protezzjoni tad-data, l-EDPB jinnota li hemm oqsma ewlenin ta’ allinjament bejn l-oqfsa għall-protezzjoni tad-data tal-UE u tal-Korea t’Isfel fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet ewlenin, bħal:

  • kunċetti tal-protezzjoni tad-data (eż. informazzjoni personali; ipproċessar; suġġett tad-data);
  • raġunijiet għall-ipproċessar legali għal skopijiet leġittimi;
  • limitazzjoni tal-iskop;
  • żamma tad-data, sigurtà u kunfidenzjalità; u
  • trasparenza.

L-EDPB jilqa’ l-isforzi li saru mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Awtoritajiet Koreani biex jiġi żgurat li r-Repubblika tal-Korea tipprovdi livell ta’ protezzjoni tad-data essenzjalment ekwivalenti għal dak tal-GDPR. Bħal, pereżempju, l-adozzjoni ta’ notifiki mill-awtorità għall-protezzjoni tad-data tal-Korea t’Isfel (PIPC), li għandhom l-għan li jimlew il-lakuni bejn il-GDPR u l-qafas Korean għall-protezzjoni tad-data, bħall-protezzjonijiet addizzjonali previsti min-Notifika Nru 2021-1.

L-EDPB jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi aktar informazzjoni dwar in-natura vinkolanti, l-eżegwibilità u l-validità tan-Notifika Nru 2021-1, u jirrakkomanda monitoraġġ attentiv ta’ din fil-prattika.

Dwar l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għad-data trasferita lejn ir-Repubblika tal-Korea, l-EDPB jinnota li d-dispożizzjonijiet tal-PIPA japplika mingħajr limitazzjoni fil-qasam tal-infurzar tal-liġi. L-EDPB ikompli jinnota li l-ipproċessar tad-data fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali huwa soġġett għal sett aktar limitat ta’ dispożizzjonijiet stabbilit fil-PIPA, għalkemm il-prinċipji ewlenin tal-PIPA, kif ukoll il-garanziji fundamentali għad-drittijiet tas-suġġett tad-data u d-dispożizzjonijiet dwar is-superviżjoni, l-infurzar u r-rimedji, japplikaw għall-aċċess u l-użu ta’ data personali mill-awtoritajiet ta’ sigurtà nazzjonali. Il-kostituzzjoni tal-Korea t’Isfel tistabbilixxi wkoll prinċipji essenzjali tal-protezzjoni tad-data, li huma applikabbli għall-aċċess għad-data personali mill-awtoritajiet pubbliċi fl-oqsma tal-infurzar tal-liġi u sigurtà nazzjonali. Barra minn hekk, l-EDPB jaqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-Korea t’Isfel tista’ tiġi kkunsidrata li għandha sistema superviżorja indipendenti u effettiva.

Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ rimedji effettivi u drittijiet ta’ rimedju, l-EDPB jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tikkjarifika r-rekwiżiti sostantivi u/jew proċedurali, bħal oneru tal-provi, li għalihom huwa soġġett ilment mal-PIPC jew kwalunkwe azzjoni quddiem qorti, u jekk l-individwi tal-UE jkunux jistgħu jissodisfaw tali prekundizzjoni.

Għall-valutazzjoni tiegħu, l-EDPB uża r-Referenzjali tal-Adegwatezza tal-GDPR u r-Rakkomandazzjonijiet tal-EDPB 2/2020 dwar il-Garanziji Ewropej Essenzjali għall-miżuri ta’ sorveljanza, kif ukoll il-ġurisprudenza eżistenti tal-QĠUE u tal-QEDB dwar l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi.

 

Nota lill-edituri:
Id-dokumenti kollha adottati matul il-Plenarja tal-EDPB huma soġġetti għall-verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar meħtieġa u se jsiru disponibbli fuq is-sit web tal-EDPB ladarba jkunu tlestew.